Persuni eliġibbli għandhom id-dritt li jissottomettu talbiet għal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) lill-Awtoritajiet Pubbliċi kollha stabbiliti, inklużi dawk elenkati taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Is-Sottomissjoni ta’ Talba jew Ilment

Persuni Eliġibbli

Sabiex persuna tkun eliġibbli biex tissottometti talba tal-FOI, jeħtieġ li tkun residenti f’Malta u tkun ilha residenti għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin. Din il-persuna trid tkun ukoll ċittadin ta’ Malta jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadin ta’ Stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom id-dritt, bis-saħħa ta’ xi trattat bejn dak l-Istat u l-Unjoni Ewropea li jiġu ttrattati f’Malta bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

It-talbiet tal-FOI jew l-ilmenti għandhom jiġu sottomessi bil-miktub u jistgħu jintbagħtu permezz tal-posta elettronika fuq [email protected] jew permezz tal-portal tal-FOI https://foi.gov.mt, bl-użu tal-e-ID.

Dettalji li għandhom jingħataw

Meta jissottomettu talba tal-FOI, l-applikanti jkunu meħtieġa, minbarra li jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, jagħtu indikazzjoni tad-dokument li jixtiequ jiksbu jew sommarju/silta mill-kontenut tiegħu. Għandhom ukoll jindikaw il-format li bih jixtiequ jirċievu d-dokument, jiġifieri, kopja stampata, kopja elettronika, jew permezz ta’ spezzjoni tad-dokument ikkonċernat fuq il-post. Kopji tal-karta tal-identità jew tal-passaport u/jew dokumentazzjoni addizzjonali, kif jitqies meħtieġ, jistgħu jintalbu mill-Awtorità Pubblika għall-finijiet ta’ verifika.

Tipi ta’ Talbiet

Dokument huwa definit bħala kull artiklu li jinżamm minn awtorità pubblika li fuqu tkun ġiet irreġistrata informazzjoni fi kwalunkwe forma, inkluż data elettronika, immaġni, mudelli fuq skala u rappreżentazzjonijiet viżivi oħra, kif ukoll reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjow, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni tistax tinqara, tidher, tinstema’ jew tiġi rkuprata bl-għajnuna jew mingħajr l-għajnuna ta’ kwalunkwe oġġett jew apparat ieħor. Wieħed jista’ jitlob ukoll dokumentazzjoni li tinkludi politiki, prinċipji, regoli jew linji gwida li abbażi tagħhom jittieħdu deċiżjonijiet jew isiru rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ membri tal-pubbliku (inklużi korpi ġuridiċi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità tagħhom personali). Persuni eliġibbli għandhom id-dritt li jitolbu informazzjoni (fil-forma ta’ dikjarazzjoni bil-miktub) dwar deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda fir-rigward tagħhom jew fir-rigward ta’ korp ġuridiku li huma jirrappreżentaw.

Konferma ta’ Riċevuta

It-talbiet tal-FOI riċevuti jiġu kkonfermati mill-Awtoritajiet Pubbliċi. Il-konferma tinkludi numru ta’ referenza uniku u indikazzjoni tad-data sa meta se tingħata t-tweġiba. Tinkludi wkoll informazzjoni speċifika relatata mal-Awtorità Pubblika, bħall-indirizz, numri tat-telefon, indirizzi elettroniċi, ħinijiet tal-’ftuħ u d-dettalji tal-proċedura interna tal-ilmenti.

 

Verifiki li għandha twettaq l-Awtorità Pubblika

Malli tirċievi t-talba, l-Awtorità Pubblika tivverifika jekk din tikkwalifikax bħala talba tal-FOI u, jekk dan ma jkunx il-każ, tinforma lill-applikant. Jekk jirriżulta li tkun meħtieġa informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali, l-applikanti jiġu kkuntattjati mill-Awtorità Pubblika li lilha tkun ġiet sottomessa t-talba, u jingħataw l-assistenza kollha possibbli sabiex jiġi żgurat li t-talba tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Att. Minkejja dan, meta jissottomettu talba tal-FOI, l-applikanti mhumiex meħtieġa jagħtu ġustifikazzjoni għaliex qed jitolbu kwalunkwe dokumentazzjoni.

L-Awtorità Pubblika tivverifika wkoll jekk id-dokument mitlub jinsabx fil-pussess tagħha. Jekk ma jkunx, l-Awtorità Pubblika tipprova tidentifika l-Awtorità Pubblika li lilha għandha tiġi sottomessa t-talba u tittrasferiha kif xieraq, filwaqt li tinforma lill-applikant. Jekk ma tiġi identifikata ebda entità alternattiva (jiġifieri d-dokument ma jkun jista’ jiġi rintraċċat għand ebda Awtorità Pubblika) l-applikant jiġi infurmat b’dan.

L-Ipproċessar tat-Talba

Ladarba jiġi stabbilit li t-talba hija talba tal-FOI u tista’ tiġi indirizzata, l-Awtorità Pubblika tiddeċiedi jekk tistax tipprovdi lill-applikant bid-dokument mitlub fl-intier tiegħu jew parti minnu, jew jekk it-talba għandhiex tiġi miċħuda. Qabel tittieħed deċiżjoni, l-Awtorità Pubblika tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet elenkati fl-Att dwar l-FOI. L-Awtorità Pubblika tibgħat notifika dwar jekk it-talba ġietx aċċettata jew le sa mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara l-jum li fih tkun waslet it-talba. Din tista’ tapplika estensjoni addizzjonali ta’ 20 jum tax-xogħol, biex b’hekk il-perjodu totali massimu jkun ta’ 40 jum tax-xogħol.

Ħlas ta’ Tariffa

Meta tibgħat it-tweġiba lill-applikant, l-Awtorità Pubblika tindika jekk japplikawx tariffi. Fejn applikabbli, dawn it-tariffi jkopru biss l-ispejjeż marbuta mat-tqegħid tad-dokument għad-dispożizzjoni tal-applikant, jiġifieri s-sigħat ta’ pproċessar, l-ispejjeż tal-fotokopji u tal-mezzi diġitali, u l-ispejjeż marbuta mal-ispezzjonijiet. Minkejja dan, it-tariffa totali applikabbli ma għandhiex taqbeż €40. Ma jistgħu jiġu imposti ebda tariffi addizzjonali għas-sottomissjoni ta’ talbiet jew ilmenti.

L-applikazzjoni tat-tariffi hija regolata bl-Avviż Legali 158 tal-2010.

Rimedji

Jekk l-applikanti ma jkunux sodisfatti bit-tweġiba mogħtija mill-Awtorità Pubblika, għandhom dritt jissottomettu ilment lill-istess Awtorità Pubblika. Jekk, sussegwentement, l-applikanti jibqgħu mhux sodisfatti bit-tweġiba li jirċievu, jistgħu jressqu appell quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC). L-applikanti jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni tal-Kummissarju quddiem it-Tribunal tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u, sussegwentement, quddiem il-Qorti tal-Appell.

L-ilmenti jistgħu jiġu sottomessi għar-raġunijiet li ġejjin:

  • L-Awtorità Pubblika tkun innotifikat estensjoni.
  • L-Awtorità Pubblika tkun imponiet tariffa li titqies eċċessiva.
  • Id-dokument ma jkunx ġie pprovdut fil-format preferut.
  • It-talba ma tkunx ġiet aċċettata.
  • Ma waslitx

L-applikanti jistgħu jissottomettu ilment permezz tas-sit elettroniku tal-IDPC billi jagħfsu hawn.

 

 

Kif Tirċievi d-Dokumentazzjoni

Kull meta Awtorità Pubblika tikkomunika lill-applikant deċiżjoni li ser jingħata aċċess għal dokument, l-applikant jista’ wkoll jiġi mistieden iħallas it-tariffi, jekk applikabbli. Fi żmien 10 ijiem tax-xogħol wara l-ħlas, jekk applikabbli, l-Awtorità Pubblika tipprovdi d-dokument fl-istess format li jkun talab oriġinarjament l-applikant jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fi kwalunkwe format ieħor meqjus xieraq mill-Awtorità Pubblika. Id-dokumenti imbaghad jitniżżlu mill-portal tal-FOI (https://foi.gov.mt) .

Jekk ma tiġi imposta ebda tariffa, id-dokument jingħata fi żmien 10 ijiem tax-xogħol wara n-notifika, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet  ikun disponibbli minnufih biex jitniżżel mill-portal tal-FOI. It-talba titqies li ġiet irtirata mill-applikant jekk il-ħlas ma jsirx fi żmien 20 jum tax-xogħol wara n-notifika.

Awtoritajiet Pubbliċi taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru:

L-informazzjoni li ngħatat skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tista’ tkun aċċessata billi jinfetħu l-ħoloq ta’ hawn fuq jew billi jsir kuntatt:

Uffiċjal Prinċipali dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Berġa ta’ Kastilja
Valletta, Malta
Tel no. 22000000

FacebookTwitter
uffiċċju tal-prim ministru
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.