Is-sistema ta` Unuri, Għotjiet u Dekorazzjonijiet f`Malta twaqqfet fl-1975 bl-Att dwar Ġieħ ir- Repubblika u ssaħħet fl-1990 bit-twaqqif tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu taħt l-istess Att.

Malta tagħti ġieħ pubbliku lil ċittadini Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja u li l-kontribut u l-kisbiet tagħhom ikabbru l-ġid u r-risq ġenerali taċ-ċittadini sħabhom. Malta tagħti ġieħ ukoll lil dawk il-persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu ddistingwew ruħhom fis-servizz tagħhom bil-promozzjoni u t-twettiq ta’ relazzjonijiet internazzjonali jew li jkunu kisbu r-rispett u l-gratitudni tal-poplu tal-gżejjer Maltin.

L-Istat jagħti l-unuri f’Jum ir-Repubblika bil-ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew f’Ġieħ ir-Repubblika, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa Ix-Xirka jew Xirka, jew bl-għotja tal- Midalja għall-Qlubija jew il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

L-unuri mogħtija taħt l-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika m’humiex intenzjonati biex joħolqu soċjetà elitista. Dawn ma jagħtu l-ebda privileġġ speċjali u l-ebda benefiċċju finanzjarju. L-għotja ta’ unuri hija mod simboliku u dejjiemi għal pajjiż biex jirrikonoxxi pubblikament, il-meritu u l-ħila taċ- ċittadini tiegħu f’oqsma differenti tal-ħajja.

Ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu u fix-Xirka u l-għotja ta’ Midalji tar-Repubblika jsiru mill-President ta’ Malta fuq il-parir bil-miktub tal-Prim Ministru. L-Istrumenti tal-Ħatra, l-Insinji u l-Midalji jiġu ppreżentati mill-President waqt Ċerimonja ta’ Investitura li ssir kull sena fit-13 ta’ Diċembru.

Il-President ta’ Malta hija l-Kap tax-Xirka u tal-Ordni waqt li s-Segretarju tal-Kabinett huwa, ex officio, l-Kanċillier. Jinħatar Reġistratur bħala uffiċjal tax-Xirka u tal-Ordni bl-inkarigu li jżomm rendikont tal-għoti ta’ unuri u dekorazzjonijiet. Jinħatar ukoll Kumitat tan-Nomini li wara li jikkunsidra kull nomina jagħmel proposti lill-Prim Ministru bl-ismijiet ta’ dawk iċ-ċittadini li lilhom huwa mixtieq li jingħata ġieħ.

L-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tagħti ġieħ lil ċittadini Maltin li jkunu ddistingwew lilhom infushom f’diversi oqsma ta’ ħila. Il-motto tal-Ordni huwa ‘Virtute et Constantia’Ċittadini Maltin biss jistgħu jinħatru bħala mseħbin tal-Ordni iżda ċittadini barranin li jkunu ddistingwew lilhom

infushom bis-servizz tagħhom fil-promozzjoni u t-twettiq ta’ relazzjonijiet internazzjonali jew li jkunu kisbu r-rispett u l-gratitudni tal-poplu tal-Gżejjer Maltin jistgħu jingħataw sħubija onorarja.

L-għan tal-erba’ gradi tal-Ordni – Kumpann tal-Unur, Kumpann, Uffiċjal u Membru – hu li jħaddan firxa kbira ta’ ħila u ta’ servizz siewi.

Minbarra dawk li servew, jew li jkunu qed iservu, fil-kariga ta’ President ta’ Malta jew ta’ Prim Ministru li bis-saħħa tal-kariga tagħhom ikunu Kumpannji tal-Unur tal-Ordni, jista’ jkun hemm mhux aktar minn tliet membri oħra f’dan il-grad fl-istess waqt. Fil-gradi l-oħra n-numru ta’ ħatriet kull sena ma jistax ikun aktar minn żewġ Kumpannji, tliet Uffiċjali u għaxar Membri, minbarra ħatriet ta’ mseħbin onorarji.

Dawk li jingħataw l-Ordni Nazzjonali tal-Meritu huma ntitolati skont il-Liġi jġibu dawn l-ittri wara isimhom – KUOM fil-każ ta’ Kumpannji tal-Unur, KOM fil-każ ta’ Kumpannji, UOM fil-każ ta’ Uffiċjali u MOM fil-każ ta’ Membri.

Ġieħ ir-Repubblika hija xirka ta’ ġieħ li tkun magħmula minn imseħbin u mseħbin onorarji ta’ meritu eċċezzjonali f’servizz lejn Malta jew lejn l-umanità. Il-motto tax-Xirka huwa “Għall-ġid tal- Maltin“.

Ċittadini Maltin biss jistgħu jiġu maħtura bħala mseħbin tax-Xirka, iżda kull ċittadin distint ta’ pajjiż ieħor barra Malta li lilu huwa mixtieq li jingħata ġieħ jista’ jiġi bħala msieħeb onorarju tax- Xirka. Minbarra l-imseħbin onorarji, in-numru ta’ mseħbin ġodda tax-Xirka ma jistax ikun iżjed minn tlieta kull sentejn.

Imseħbin jew imseħbin onorarji tax-Xirka huma ntitolati skont il-Liġi li jġibu l-ittri SĠ (Sieħeb il- Ġieħ) wara isimhom.

Il-Midalja għall-Qlubija u l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika jistgħu jingħataw mill-President, fuq il-parir bil-miktub tal-Prim Ministru.

Il-Midalja għall-Qlubija tista’ tingħata lil ċittadini Maltin għal xi għemil ta’ qlubija eċċezzjonali. Tista’ tingħata wkoll fuq bażi onorarja lil kull ċittadin ta’ pajjiż barra minn Malta għal xi egħmil ta’ qlubija eċċezzjonali li jkun jixraqlu rikonoxximent minn Malta. Tista’ tingħata wkoll wara l-

mewt. Dawk il-persuni li jingħataw il-“Midalja għall-Qlubija” huma ntitolati li jġibu l-ittri MRQ (Midalja tar-Repubblika għall-Qlubija) wara isimhom.

Il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika tista’ tingħata lil ċittadin Malti għal servizz distint lil pajjiżu. F’ċirkostanzi speċjali l-Midalja tista’ tingħata lill-grupp ta’ persuni jew lil xi organizzazzjoni debitament iskritta skont il-liġi. Tista’ tingħata wkoll wara l-mewt. Il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika m’għandix tingħata lil aktar minn għaxar ċittadini Maltin f’sena. Il- Midalja tista’ tingħata fuq bażi onorarja lil kull ċittadin ta’ pajjiż barra minn Malta li lilu huwa mixtieq li jingħata ġieħ.

Dawk il-persuni li jingħataw il-“Midalja għall-Qadi tar-Repubblika” huma ntitolati skont il-liġi li jġibu l-ittri MQR (Midalja għall-Qadi tar-Repubblika) wara isimhom.

L-ismijiet ta’ dawk il-persuni distinti li jinħatru membri fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu, jew fix- Xirka jew dawk li jingħataw il-Midalja għall-Qlubija u l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.

FacebookTwitter