Il-Missjoni tad-Dipartiment
Nippromowvu approċċ unifikat u strateġiku għall-governanza, kondiviżjoni, u l-użu mill-ġdid tad-dejta u r-rekords uffiċjali fl-Amministrazzjoni Pubblika. Dan il-qafas għandu l-għan li jtejjeb il-kwalita tad-dejta, jissimplifika l-proċessi amministrattivi, u jtejjeb it-twassil tas-servizz pubbliku skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u ta’ l-UE.
Sfond
Il-Kunsill tal-Governanza tad-Dejta, iservi bħala l-korp konsultattiv prinċipali dwar kwistjonijiet relatati mad-dejta fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika. Ir-rwol tal-Kunsill ġie formalizzat u estiż skont ir- Regolamenti dwar l-Istrutturi ta’ Organizzazzjoni għat-Tqassim u l-Użu mill-Ġdid ta’ Data (L.S. 546.01), li jipprovdi l-bażi legali għall-governanza tar-reġistri uffiċjali u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar id-dejta miftuħa u l-kondiviżjoni tad-dejta.
Ġie żviluppat katalgu komprensiv ta’ reġistri uffiċjali b’ bażi legali, magħruf bħala r-Reġistru tar-reġistri, biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-konsistenza fil-ġestjoni tad-data. Ir-reġistri ewlenin tal-bażi, bħar-Reġistru tal-persuni u r-Reġistru tan-negozju, jinżammu mill-aġenzija Identita u Malta Business Registry.
Il-Funzjonijiet tal-Kunsill
Il-funzjonijiet tal- Kunsill tal-Governanza tad-Dejta stabbilit mill-PARTI XI tar- Regolamenti dwar l-Istrutturi ta’ Organizzazjoni għat-Tqassim u l-Użu mill-Ġdid ta’ Data (https://legislation.mt/eli/sl/546.1/eng) huma:
- Il-Kunsill għandu jservi bħala l-punt fokali għall-koordinazzjoni u l-medjazzjoni, kif jista’ jkun meħtieġ, fir-rigward tal-ġestjoni ta’ reġistri uffiċjali u rekords uffiċjali fi ħdan il-funzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll il-punt fokali għal kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mad-dejta kif ordnat mill-Ministru responsabbli għall-informazzjoni tas-settur pubbliku.
- Il-Kunsill għandu jkun il-korp konsultattiv ewlieni fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-governanza tar-reġistri uffiċjali u d-diskussjonijiet ta’ livell għoli, il-medjazzjoni u l-formulazzjoni tal-politika, id-direzzjoni u d-deċiżjonijiet relatati mad-data korporattiva u tal-intrapriżi (applikabbli orizzontalment) fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika.
- Il-Kunsill għandu jkun involut fid-diskussjonijiet bejn is-sidien tad-dejta u kwalunkwe parti terza li titlob aċċess għal reġistri jew settijiet ta’ dejta speċifiċi qabel ma dawn it-talbiet jiġu ppreżentati għall-konsiderazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji. Il-proposti jew id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal, u bla ħsara għal, deċiżjonijiet ta’ l-awtorita regolatorja.
- Il-Kunsill għandu jkun magħmul minn chairperson u membri li jkollhom il-kredenzjali u l-isfond akkademiku meħtieġa għal diskussjoni infurmata dwar is-suġġett tal-ġestjoni tad-dejta fil-kuntest tal-proċessi u r-rekwiżiti tal-amministrazzjoni pubblika kif maħtura għal terminu ta’ tliet (3) snin mis-Segretarju Permanenti ewlieni.
- Il-membri ewlenin tal-Kunsill għandhom jintgħażlu mill-funzjonijiet ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika li għandhom l-aktar impatt fuq l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni u l-istrateġiji nazzjonali relatati kif jista’ jkun applikabbli f’ dak iż-żmien. In-numru ta’ membri ewlenin li jiffurmaw parti mill-Kunsill ma għandux jaqbeż l-għaxar (10) persuni. (6a) Iċ-chairperson jista’ jaħtar Segretarju biex iservi lill-Kunsill.
- Il-Kunsill jista’ wkoll jistieden u jinvolvi esperti oħra u speċjalisti tas-suġġett kif jista’ jkun meħtieġ minn żmien għal żmien u skont il-kwistjonijiet u s-suġġetti li mbagħad ikunu qed jiġu ttrattati dak iż-żmien.
- Il-Kunsill għandu, wara konsiderazzjoni u stima xierqa ta’ l-informazzjoni mogħtija, jirreferi t-talbiet disputati riċevuti, konklużjonijiet u proposti miftehma fi ħdan il-Kunsill lis-Segretarju Permanenti ewlieni għall-awtorizzazzjoni jew kull direzzjoni oħra li tista’ tkun applikabbli.
Il-Membri tal-Kunsill
Il-Kunsill huwa magħmul minn chairperson u sa għaxar membri maħtura mis-Segretarju Permanenti ewlieni għal terminu ta’ tliet snin. Il-membri jintgħażlu abbażi tal-għarfien espert tagħhom fil-ġestjoni tad-dejta u fl-amministrazzjoni pubblika. Il-Kunsill jista’ jikkonsulta wkoll esperti esterni kif meħtieġ u huwa appoġġat minn Segretarju responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedimenti tiegħu.

