Id-Diviżjoni għall-Politika, il-Programmi u l-Affarijiet Legali tappoġġja lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru billi tipprovdi direzzjoni strateġika, koordinazzjoni u superviżjoni fl-oqsma tal-iżvilupp tal-politika, l-affarijiet tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali, il-proċessi legali, l-implimentazzjoni tal-programmi u l-inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ ħidma mill-qrib mad-dipartimenti, id-direttorati, l-entitajiet u l-imsieħba nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, id-Diviżjoni tgħin biex il-prijoritajiet tal-Gvern jissarrfu f’azzjoni ta’ politika koerenti, governanza soda u riżultati tanġibbli.

Il-Missjoni Tagħna

Il-missjoni tagħna hija li nipprovdu koordinazzjoni tal-politika b’viżjoni li tħares ‘il quddiem, implimentazzjoni effettiva tal-programmi, superviżjoni legali u regolatorja soda, u gwida f’waqtha dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea u ma’ affarijiet internazzjonali, f’konformità mal-valuri tas-Servizz Pubbliku u mal-etika usa’ ta’ amministrazzjoni pubblika responsabbli, trasparenti u ċċentrata fuq iċ-ċittadin.

L-Oqsma ta’ Responsabbiltà Tagħna

L-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali

L-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali jipprovdi tmexxija strateġika u jiżgura koerenza bejn il-funzjonijiet tal-politika, tal-programmi u legali tad-Diviżjoni. Huwa jappoġġja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni u lit-tmexxija għolja billi jallinja l-ħidma tad-Diviżjoni mal-prijoritajiet tal-Gvern, isaħħaħ il-governanza u jżomm koordinazzjoni effettiva dwar il-kwistjonijiet nazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali.

Oqsma Ewlenin ta’ Ħidma:

  • Jipprovdi pariri strateġiċi dwar oqsma ta’ politika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
  • Jissorvelja l-politiki, il-proġetti u l-programmi biex jiżgura li jkunu allinjati mal-prijoritajiet tal-Gvern.
  • Jappoġġja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni f’waqthom tal-liġjjiet tal-Unjoni Ewropea, inkluż it-traspożizzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
  • Jippromwovi l-koerenza tal-politika bejn id-dipartimenti, l-entitajiet u l-korpi maħtura.
  • Isaħħaħ il-previżjoni strateġika, l-analiżi tar-riskju u l-ippjanar bil-quddiem.
  • Iżomm relazzjonijiet ta’ ħidma effettivi ma’ istituzzjonijiet lokali, Ewropej u internazzjonali.

Direttorat għall-Politika u l-Affarijiet tal-UE

Id-Direttorat għall-Politika u l-Affarijiet tal-UE jappoġġja l-iżvilupp, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ politika nazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u internazzjonali fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan jgħin biex jiżgura li l-pożizzjonijiet ta’ politika jkunu f’waqthom, koerenti, ibbażati fuq l-evidenza u allinjati mal-prijoritajiet tal-Gvern.

Oqsma Ewlenin ta’ Ħidma:

  • Jikkoordina l-ħidma relatata mal-politika bejn l-entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
  • Jissorvelja l-iżviluppi leġiżlattivi u ta’ politika tal-UE u jappoġġja risposti kkoordinati.
  • Iħejji sottomissjonijiet lill-Kabinett, rapporti, briefings, noti għad-diskorsi u materjal għall-preżentazzjonijiet.
  • Jappoġġja t-traspożizzjoni legali tal-UE u kwistjonijiet relatati mal-acquis tal-UE.
  • Jissorvelja l-obbligi taħt strumenti bilaterali u internazzjonali u jikkoordina r-rappurtar relatat, fejn applikabbli.

Direttorat għall-Proġetti u l-Programmi

Id-Direttorat għall-Proġetti u l-Programmi jappoġġja l-parteċipazzjoni effettiva tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, id-dipartimenti u l-entitajiet tiegħu fi programmi u inizjattivi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Huwa jipprovdi appoġġ strateġiku u tekniku matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett, mill-identifikazzjoni tal-opportunitajiet u l-iżvilupp tal-proposti sal-implimentazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-awditjar.

Oqsma Ewlenin ta’ Ħidma:

  • Jidentifika u jippromwovi opportunitajiet rilevanti ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
  • Jappoġġja t-tħejjija u r-reviżjoni tal-proposti għal proġetti.
  • Jissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti skont l-għanijiet, l-istadji ewlenin u l-impenji approvati.
  • Jippromwovi ġestjoni finanzjarja soda, trasparenza u konformità.
  • Jiffaċilita l-kollaborazzjoni mad-dipartimenti, l-entitajiet, l-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba Ewropej.

 

L-Impenn Tagħna

Aħna impenjati li nipprovdu servizz professjonali, responsiv u b’viżjoni ’l quddiem, mibni fuq il-kollaborazzjoni, l-integrità, ir-responsabbiltà u r-riżultati. Iggwidata mill-prinċipji tas-Servizz Pubbliku, id-Diviżjoni tippromwovi governanza soda, pariri infurmati mill-evidenza u koordinazzjoni effettiva b’appoġġ għall-prijoritajiet tal-Gvern u għall-ġid komuni.