Onor. Carmelo Abela


 

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli, l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, u d-Djalogu Soċjali), Carmelo Abela (imwieled fl-10 ta’ Frar 1972, iż-Żejtun, Malta), huwa politiku ta’ twemmin soċjal-demokratiku, li jemmen bis-sħiħ fil-kapaċità tal-individwu li jagħmel differenza pożittiva. Huwa ġentili fi kliemu, ambizzjuż, u dejjem mexa bl-eżempju u ħadem b’kuxjenza.

Qabel beda ifforma parti mill-Kabinett, Is-Sur Abela, kien impjegat mal-Mid-Med Bank Ltd, illum l-HSBC Bank Malta plc, fejn serva bħala maniġer. Ġie elett għall-ewwel darba fil-parlament fis-sena 1996, u serva wkoll bħala kunsillier f’belt twelidu, iż-Żejtun, bejn l-1994 u l-1996. Huwa baqa’ jiġi elett fil-parlament fil-leġiżlaturi sussegwenti kollha. Matul is-snin, il-Ministru Abela ngħata rwoli dejjem ikbar, kemm fil-Partit Laburista kif ukoll fil-Gvern. Huwa serva bħala Assistent Whip, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isport u, iktar tard, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, u l-Kultura. Fis-sena 2008, huwa ġie appuntat unanimament bħala d-Deputat speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, kif ukoll bħala l-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-Industrija, l-Investiment Barrani, u l-Politika Soċjali.

Bħala Membru Parlamentari, is-Sur Abela serva wkoll bħala r-Rappreżentant Reġjonali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth (CPA), il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Unjoni Inter-Parlamentari (IPU), u Membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

Wara li ġie elett fl-elezzjoni tal-2013, is-Sur Abela ġie appuntat bħala l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern u, wara, Kelliem għall-Gvern. Fl-2014, il-Prim Ministru Joseph Muscat fdalu l-ewwel portafoll ministerjali tiegħu, bħala l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, ix-xogħol professjonali u l-ħiliet tiegħu wassluh biex jingħata l-irwol ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. F’dan l-irwol pjuttost iebes, is-Sur Abela rrappreżenta lil Malta fl-Ewropa u madwar id-dinja, fejn ħadem kontinwament biex jippromovi d-dimensjoni Ewro-Mediterranja u sħubija iktar b’saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha, flimkien mal-Afrika.

Il-Ministru Abela huwa miżżewweġ lil Melanie, u għandhom żewġt ulied; Andrea u Nadine.

 

INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT:

Address Icon Indirizz tal-Kuntatt 
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Berġa ta' Kastilja
Valletta VLT 1061
 
Telephone Icon Telefon
2200 0000

Website