L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Persuni eliġibbli jistgħu jagħmlu talbiet skont il-provvedimenti tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) lil kull Awtorità Pubblika, inkluż dawk li jagħmlu parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. It-talbiet għandhom isiru bil-miktub fuq formoli apposta u għandhom jitwasslu fl-uffiċċju tal-Awtorità Pubblika, b’mod elettroniku – permezz tal-e-mail jew permezz tas-sit elettroniku www.foi.gov.mt jew bl-idejn jew bil-posta.


TALBIET/ILMENTI

Persuni eliġibbli

Biex tressaq talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, persuna għandha tkun residenti f’Malta għal perjodu ta’ mhux anqas minn ħames snin. Il-persuna għandha tkun ukoll ċittadin jew ta’ Malta jew ta’ stat ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, jew cittadin ta’ kull stat ieħor li ċ-ċittadini tiegħu għandhom dritt, bis-saħħa ta’ trattat bejn dak l-istat u l-Unjoni Ewropea, li f’Malta jiġu trattati bl-istess mod bħal cittadini ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Talba għal Dokument/Informazzjoni

Formoli apposta għal Talba għal Dokument/Informazzjoni jistgħu jinkisbu minn dan is-sit elettroniku jew mis-sit elettroniku dwar il-Libertà tal-Informazzjoni www.foi.gov.mt.. Dawn jistgħu wkoll jinkisbu mingħand l-Awtoritajiet Pubbliċi (billi jinġabru mill-uffiċċji tagħhom jew billi wieħed iżur is-siti elettroniċi tagħhom). Dawk l-applikanti li għandhom il-Karta tal-Identità Elettronika jistgħu jagħmlu t-talba tagħhom direttament fis-sit elettroniku permezz tal-e-ID jew billi jimlew din il-formola.

Informazzjoni Mitluba

Meta titressaq Talba għal Dokument/Informazzjoni, l-applikant għandu jagħti d-dettalji personali tiegħu bħal, in-numru tal-Karta tal-Identità jew il-permess tar-residenza, in-numru tat-telefon kif ukoll l-indirizz elettroniku tiegħu. Dawn id-dettalji huma meħtieġa, fost affarijiet oħra, sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni mal-Awtorità Pubblika. L-applikant għandu jindika dawk id-dokumenti/l-informazzjoni li jixtieq. Għandu wkoll juri l-mod kif huwa jixtieq jirċievi d-dokument/l-informazzjoni mitluba.

Tipi ta’ talbiet

Wieħed jista’ jitlob kull dokument li qed jinżamm mill-Awtorità Pubblika mingħajr ma jagħti raġuni jew ġustifikazzjoni għat-talba tiegħu. Fil-każ ta’ dokumenti illi huma reġistrazzjoni ta’ ħsejjes u immaġini viżwali, l-Awtorità Pubblika tista’ tagħmel arranġamenti għall-applikant sabiex jisma’ dawk il-ħsejjes jew jara l-immaġini viżwali. Sakemm ikun possibbli, aċċess għad-dokument għandu jkun provdut skont il-preferenza tal-applikant.

L-applikanti jistgħu jitolbu dokumenti jew informazzjoni dwar deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Awtorità Pubblika dwarhom. F’dawn il-każijiet, it-talba għandha tiġi magħmula fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni jew mir-rakkomandazzjoni rilevanti. Jekk ikun għadda ż-żmien, mid-data meta tittieħed id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni rilevanti u d-data meta l-persuna ssir taf bid-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni, is-sitt xhur japplikaw mid-data meta l-persuna ssir taf bid-deċiżjoni jew bir-rakkomandazzjoni.

 

Tweġibiet mill-Awtoritajiet Pubbliċi

L-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom iwieġbu kull talba għad-dokumenti u għall-informazzjoni. Għandha tinħareġ ittra mill-Awtorità Pubblika tikkonferma li hi rċiviet l-applikazzjoni. L-Awtorità għandha wkoll tindika jekk it-talba tkunx ser tiġi aċċettata jew le skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni malajr daqskemm raġenevolment prattikabbli, f’kawlunkwe każ mhux aktar tard minn għoxrin (20) ġurnata ta’ xogħol. Dan iż-żmien jista’ jkun estiż sa ergħbin (40) ġurnata ta’ xogħol skont Arikolu 11 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, f’liema każ l-applikant jingħata avviż tal-estensjoni u raġunijiet dwarha.

Ħlasijiet

L-Awtoritajiet Pubbliċi jistgħu jitolbu ħlas sabiex jkopru l-ispejjes tagħhom. Dawn il-ħlasijiet għandhom jintalbu skont ir-Regolamenti tal-2010 dwar Ħlasijiet Imposti mill-Awtoritajiet Pubbliċi għall-Aċċess għal Dokumenti (Avviż Legali 158/2010) u m’għandhomx qatt jaqbżu l-massimu ta’ €40. M’għandu jintalab ebda ħlas ieħor għal applikazzjonijiet jew talbiet għal dokumenti jew għal informazzjoni, kif ukoll, għal ilmenti jew għal rikors.

Proċessar tat-talba

Ġaladarba jkun stabbilit li t-talba għall-dokument u għall-informazzjoni hija tajba skont il-Libertà tal-Informazzjoni, l-Awtorità jkun imissha tiddeċiedi jekk hiex f’qagħda li tilqa’ it-talba b’mod sħiħ jew parti minnha jew tirrifjuta t-talba li tkun saret. Qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni, l-Awtorità Pubblika trid tikkunsidra jekk l-eżenzjonijiet fil-liġi japplikawx għad-dokument jew għall-informazzjoni mitluba. L-Awtorità Pubblika għandha tavża jekk it-talba hiex aċċettabbli jew le fi żmien għoxrin (20) ġurnata xogħol minn meta tkun irċeviet it-talba, sakemm ma testendix iż-żmien għal erbgħin (40) ġurnata.

Ilmenti

L-applikant għandu dritt iressaq ilment lill-istess Awtorità Pubblika fi żmien massimu ta’ tletin (30) ġurnata xogħol mid-data tal-aħħar komunikazzjoni magħmula mill-Awtorità Pubblika. Ilmenti sussegwenti u differenti fuq l-istess talba jistgħu biss jiġu sottomessi lill-Awtorità Pubblika wara li l-istess Awtorità tkun wieġbet l-ilment oriġinali jew wara li jgħaddu għaxart (10) iġranet ta’ xogħol mid-data tas-sottomissjoni tal-ilment.

L-ilmenti għandhom isiru għal dawn ir-raġunijiet:

  • Meta t-talba għall-informazzjoni ma titqies li hija talba skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (FOI),
  • L-Awtorità Pubblika titlob estenzjoni tal-perijodu ta’ għoxrin (20) ġurnata ta’ xogħol kif preskritti fl-Att, bil-ħsieb li tindika jekk it-talba għad-dokument/informazzjoni tkunx milqugħa jew le,
  • Fl-eventwalità, li l-Awtorità Pubblika timponi ħlas meqjus eċċessiv, u
  • Meta t-talba għad-dokument/informazzjoni tkun rifjutata.

Jekk, sussegwentement, l-applikant ma jibqax sodisfatt bir-risposta li jingħata, L-Att dwar Il-Libertà tal-Informazzjoni jintitola lill-applikant li jressaq ilment jew li jfittex li ssir investigazzjoni u rikonsiderazzjoni mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, fi żmien sittin (60) ġurnata ta’ xogħol mid-data ta’ notifika lil Awtorità Pubblika. Meta l-applikant jibqa’ mingħajr risposta sodisfaċenti, huwa jista’ jirrikorri għat-Tribual dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fi żmien għoxrin (20) ġurnata ta’ xogħol mill-aħħar komunikazzjoni rilevanti mill-IDPC u sussegwentament, għall-Qorti tal-Appell fi żmien tletin (30) ġurnata ta’ xogħol mill-aħħar komunikazzjoni rilevanti mit-Tribual dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

Proċedura Interna dwar Ilmenti

Ilment jista’ jiġi ppreżentat billi timtela l-Applikazzjoni dwar Ilment u tintbgħat lill-uffiċjal pertinenti tal-Libertà tal-Informazzjoni. Wara, l-applikant jiġi infurmat dwar ir-riżultat tal-ilment tiegħu kif ukoll fuq il-possibbiltà li jsir appell mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data skont Artikoli 9 u 23 tal-Att dwar Il-Libertà tal-Informazzjoni, Kap 496.

Jista’ jkollok aċċess għal dawn id-dokumenti msemmija hawn taħt minn din il-link:


L-awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu parti mill-Uffiċċju tal Prim Ministru huma:


- Malta Residency Visa Agency (MRVA)
- Malta Council for Science and Technology (MCST)
- Malta Information Technology Agency (MITA)
- Malta Communications Authority (MCA)
- Malta Gaming Authority (MGA)
- Identity Malta Agency (IMA)
- Office of the Regulator, Individual Investor Programme (ORiip)
- Malta Individual Investor Programme Agency (MIIPA)

Informazzjoni skont Artiklu 17 tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tista` ssibha billi tidħol fuq il-links t’hawn fuq jew billi tikkuntattja:

Uffiċjal Prinċipali dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Uffiċċju tal-Prim Ministru
Berġa ta’ Kastilja
Valletta, Malta
Tel. 22001013