Dikjarazzjoni tal-missjoni

It-Taqsima tal-Governanza tal-Intelliġenz Artifiċjali (AIGU) tikkoordina u tappoġġa l-adozzjoni responsabbli tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) madwar l-Amministrazzjoni Pubblika billi tipprovdi governanza, gwida strateġika u assistenza prattika. Ir-rwol tiegħu huwa li jippromwovi l-użu legali, sigur, trasparenti u konsistenti tal-IA skont il-prijoritajiet nazzjonali.

Sfond

It-Taqsima tal-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (AIGU) topera fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt it-tmexxija ta’ l-Uffiċjal Kap tal-Intelliġenza Artifiċjali (CAIO). Dan ġie stabbilit mis-Segretarju Permanenti ewlieni bħala l-funzjoni ċentrali għall-aspetti ta’ governanza tal-adozzjoni tal-IA fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika, b’rispons għall-użu dejjem jikber ta’ dawn it-teknoloġiji u l-ħtieġa għal metodu konsistenti għal kif jiġu vvalutati, irregolati u organizzati.

L-AIGU jaġixxi bħala punt ta’ referenza ċentrali għall-Amministrazzjoni Pubblika dwar il-governanza, il-politika, il-kwistjonijiet operazzjonali u tekniċi relatati mal-IA, filwaqt li jappoġġa l-adozzjoni, il-governanza u l-progress responsabbli tal-inizjattivi tal-IA. It-Taqsima tappoġġa wkoll lill-Kunsill għall-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (AIGC) fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, bil-ħidma tiegħu ggwidata mill-Att dwar l-IA tal-UE (Ir-Regolament (UE) 2024/1689), il-miżuri nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħha u l-politiki governattivi applikabbli.

Funzjonijiet tat-Taqsima

It-Taqsima tal-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali tappoġġa koordinazzjoni u responsabilita’ għall-IA madwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Il-funzjonijiet ewlenin ta’ din it-taqsima huma:

  • L-għoti ta’ gwida strateġika u l-appoġġ għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ linji gwida, politiki u proċeduri ta’ governanza tal-IA madwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
  • Il-promozzjoni tal-allinjament mal-prijoritajiet nazzjonali, ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli u l-politika governattiva.
  • Appoġġ lill-organizzazzjonijiet governattivi fl-identifikazzjoni, assessjar u progress ta’ inizjattivi tal-IA.
  • L-għoti ta’ gwida teknika ta’ livell għoli u appoġġ għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA.
  • L-appoġġ għall-ħolqien ta’ tħejjija istituzzjonali permezz ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ, kondiviżjoni tal-għarfien u attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet.
  • It-trawwim tal-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali rilevanti.
  • Appoġġ għall-monitoraġġ ta’ inizjattivi, żviluppi, riskji u opportunitajiet tal-IA madwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
  • Għoti ta’ appoġġ amministrattiv, strateġiku u tekniku lill-Kunsill għall-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (AIGC).

It-Taqsima tipprovdi gwida u koordinazzjoni ċentrali iżda ma tissostitwixxix ir-responsabbiltajiet legali, regolatorji jew operazzjonali tal-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti li jużaw is-Sistemi tal-IA.

Kuntatt

Il-komunikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-governanza tal-IA, il-politika, l-inizjattivi, il-proġetti, assistenza teknika u kwistjonijiet relatati fi ħdan l-Amministrazzjoni Pubblika għandhom jiġu diretti lejn It-Taqsima tal-Governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali (AIGU).

Posta elettronika

[email protected]